Животни + Хора = Общо здравеопазване

 

Il-Ġimgħa Veterinarja tal-UE 2009

It-tieni edizzjoni tal-Ġimgħa Veterinarja tal-UE, organizzata fi sħubija mal-Federazzjoni tal-Veterinarji tal-Ewropa (FVE) se ssir mit-28 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru 2009. Il-kunċett ta’ Ġimgħa Veterinarja tal-UE nħoloq fl-2008, u s-slowgan prinċipali miżmum għall-Ġimgħa Veterinarja tal-UE 2009 huwa "Annimali + Bnedmin = Saħħa Waħda" li jenfasizza r-rabta bejn is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika.

Il-ġimgħa tippromwovi l-kunċetti tas-sħubija u l-komunikazzjoni, iż-żewġ prinċipji ewlenin li fuqhom hija bbażata l-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn "Il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura".

Il-ġimgħa se tiftaħ nhar it-Tnejn 28 ta’ Settembru ġewwa Brussell b’konferenza ta’ livell għoli bit-titlu "Annimali + Bnedmin = Saħħa Waħda". Il-messaġġ prinċipali tal-konferenza sejjer jkun li l-mard tal-annimali qed ikollu impatt dejjem jiżdied fuq is-saħħa pubblika u li għalhekk standards għoljin fis-saħħa tal-annimali għandhom impatt pożittiv fuq is-saħħa umana u l-benesseri tal-konsumatur. Barra minn hekk, sejjer ikun hemm numru ta’ avvenimenti nazzjonali fl-Istati Membri matul u madwar il-Ġimgħa Veterinarja tal-UE, organizzati minn diversi fakultajiet Veterinarji tal-UE.