Il-kampanja
Il-Ġimgħa Veterinarja tal-UE 2008, li se ssir bejn l-10 u s-16 ta’ Novembru, timmira li tkabbar l-għarfien tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa tal-Animali għal 2007-13. Prodott ta' sħubija bejn id-Direttorat-Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumatur tal-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni tal-Veterinarji tal-Ewropa, il-kampanja għandha l-bijosigurtà bħala t-tema ewlenija tagħha.
L-għan tal-kampanja huwa li jkun promoss ir-rwol tal-UE u l-Istati Membri fis-salvagwardja tas-saħħa tal-annimali fl-irziezet u domestiċi fl-UE u pajjiżi barranin, kif ukoll is-saħħa taċ-ċittadini permezz ta’ ikel bla periklu u l-prevenzjoni ta’ żoonosi (mard li jaffetwaw lill-animali u l-bnedmin). Għal din ir-raġuni is-slogan ewlieni għal kampanja jagħti importanza lir-rabta bejn is-saħħa tal-annimali u l-pubbliku: Annimali + Bnedmin – Saħħa waħda.
Matul il-ġimgħa, se jsiru avvenimenti madwar il-pajjiżi tal-UE kollha biex jippromwovu l-bijosigurtà, jinvolvu lill-professjonisti (veterinarji, bdiewa u uffiċjali tad-dwana) u l-pubbliku in ġenerali. Bl-użu tat-tema ewlenija tal-bijosigurtà, l-azzjonijiet se jimmiraw fuq żewġ aspetti ta’ dan il-kunċett: il-bijosigurtà fl-irziezet u l-bijosigurtà fil-fruntieri. Il-ġimgħa tibda b’wirja li ddum sitt xhur, li se ddur avvenimenti pubbliċi bħal ma huma fieri agrikoli madwar l-UE u xxerred l-messaġġi tal-kampanja.
Il-bijosigurtà fil-livell tal-irziezet
Il-veterinarji u l-bdiewa jistgħu jkollhom rwol kruċjali fil-prevenzjoni tal-bidu u t-tixrid tal-mard. Hemm passi żgħar li inti – bħala bidwi – tista’ tieħu jew diġà qed tieħu biex iżżomm l-mard lilhinn mill-annimali tiegħek. Dawn jinkludu t-tnaqqis ta’ kuntatt bejn viżitaturi fir-razzett, annimali selvaġġi u animali domestiċi, u l-prattiċi ta’ tindif u diżinfettar. Il-veterinarji huma hemmhekk biex jappoġġaw u jagħtu pariri lill-bdiewa, billi jkunu l-mezz għat-tixrid tat-tagħrif u l-promozzjoni tal-aħjar prattiċi ta' bijosigurtà għall-prevenzjoni tal-mard. Sħubija tajba bejn il-veterinarju u l-bidwi ttejjeb il-bijosigurtà: il-ħidma flimkien għandha tippermetti tweġiba malajr għal kwalunkwe problemi, li tista' tgħin il-prevenzjoni ta' tifqigħa kbira.
Bil-bdiewa u l-veterinarji jiffurmaw l-udjenza ewlenija, l-azzjonijiet f’dan il-qasam jfittxu li jqawwu l-għarfien tal-istrategija tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali fosthom il-professjonisti rilevanti, u jżidu l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ bijosigurtà fil-livell tar-razzett.
Il-bijosigurtà fil-fruntieri
L-għan hawn huwa li jitnaqqas l-ammont ta’ ikel illegali jew annimali li jiddaħħlu fl-UE minn vjaġġaturi li jaslu minn pajjiżi barra l-UE, jew mibgħuta bil-posta, u b’mod usa’ biex jkabbar l-interess tal-pubbliku f’affarijiet tal–UE li jolqtu s-saħħa tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel. Serje ta’ azzjonijiet se jkunu organizzati f’punti ta’ dħul fl-ajruporti, f’portijiet u f’toroq b’kooperazzjoni mad-Direttorat-Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali tal-Kummissjoni Ewropea, u l-awtoritajiet veterinarji u tat-taxxa fl-Istati Membri, bil-għan li l-pubbliku jkun infurmat dwar ir-regoli li jirregolaw l-introduzzjoni ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u annimali domestiċi.