Zvieratá + ľudia = jedno zdravie

 

Mard żoonotiku

Tuberkulosi Bovina

X'inhi t-Tuberkolosi Bovina?

It-Tuberkolosi Bovina (TB) hija marda kronika tal-annimali kkawżata minn batterju msejjaħ Mycobacterium bovis (M. bovis), li huwa relatat mill-qrib mal-batteri li jikkawżaw it-tuberkolosi umana u avjarja. Din il-marda tista' taffettwa prattikament il-mammiferi kollha, u tikkawża stat ġenerali ta' mard, sogħla u eventwalment il-mewt.

L-isem Tuberkolosi ġej min-nefħiet, imsejħa "tuberkoli", li jifformaw fin-nodi tal-limfa ta' annimali affettwati.

Sas-snin 20 tas-Seklu 20 meta bdew il-miżuri ta' kontroll f'pajjiżi żviluppati, kienet waħda mill-mard ewlenin tal-annimali domestiċi madwar id-dinja. Illum it-TB għadha marda importanti tal-bovini u l-annimali slavaġ, u żoonożi sinifikanti.

Fejn Tinsab il-Marda?

It-TB tinsab madwar id-dinja kollha. Il-marda hija iktar prevalenti fil-parti l-kbira tal-Afrika, partijiet mill-Ażja u l-Amerka ta' fuq u t'isfel.

Ħafna pajjiżi żviluppati naqqsu jew eliminaw it-TB mill-popolazzjoni tal-bovini tagħhom; madankollu għad fadal rqajja' ta' infezzjonijiet fl-annimali slavaġ tal-Kanada, ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Istati Uniti u New Zealand.

Minkejja li l-bovini huma meqjusa bħala l-annimali li jospitaw l-M. bovis, il-marda ġiet irrapportata f'ħafna annimali oħra domestikati jew le.

Kif tittieħed u tinxtered il-marda?

Il-marda tittieħed u tinxtered permezz ta' kuntatt ma' annimali domestiċi jew slavaġ infettati.

Ir-rotta normali tal-infezzjoni hija billi jiġu aspirati qatriet infettati li jittajru mill-pulmuni meta wieħed jisgħol. L-għoġġiela u l-bnedmin jistgħu jiġu infettati wkoll billi jibilgħu ħalib mhux pasturizzat minn bovini infettati.

Minħabba li l-marda tiżviluppa bil-mod, annimali jista' jxerred il-marda lil sħabu fil-merħla qabel ma tibda timmanifesta sinjali kliniċi. Għalhekk, il-moviment ta' annimali domestiċi infettati li mhumiex magħrufa u kuntatt ma' annimali slavaġ infettati huma l-modi ewlenin tat-tixrid tal-mard.

X’inhu r-riskju għas-saħħa pubblika?

Il-Mycobacterium bovis mhix il-kawża ewlenija tat-tuberkolosi umana, li hija kkawżata minn M. tuberculosis, imma l-bnedmin huma suxxettibbli għat-TB. Il-bnedmin jistgħu jiġu infettati kemm mix-xorb ta' ħalib mhux pasturizzat minn bovini infettat, jew billi jaspiraw qatriet infettivi. Huwa stmat f'xi pajjiżi li sa 10 fil-mija tat-tuberkolosi umana huma dovuti għat-TB.

X’inhuma s-sinjali kliniċi?

It-TB normalment iddum biex tiżviluppa, u s-sintomi jieħdu xhur jew snin biex jidhru. Is-sinjali kliniċi normali jinkludu dgħufija, nuqqas ta' ġuħ, telf tal-piż, deni tiela' u nieżel, sogħla mqaħqħa intermittenti, dijarea, u nodi ta' limfa prominenti kbar. Madankollu, il-batteri jistgħu jkunu wkoll inattivi fl-annimal ospitanti mingħajr ma jikkaġuna l-marda.

Kif tiġi Djanjostikata l-Marda?

Il-metodu standard għall-iskoperta tat-TB huwa t-test tuberkulin, fejn ammont żgħir ta' antiġenu jiġi injettat fil-ġilda, u titkejjel ir-reazzjoni tal-immunità. Djanjożi definittiva ssir billi jitkabbru l-batteri fil-laboratorju, proċess li jieħu tal-inqas tmien ġimgħat.

X'inhu jsir biex tiġi prevenuta jew ikkontrollata din il-marda?

Il-miżura standard ta' kontroll applikata għat-TB hija test u qtil.

Programmi ta' eradikazzjoni tal-marda magħmula minn spezzjoni tal-laħam post-mortem, sorveljanza intensiva inklużi żjarat fir-razzett, ittestjar individwali sistematiku ta' bovini u t-tneħħija ta' annimali infettati jew li għamlu kuntatt magħhom kif ukoll kontrolli ta' movimenti rnexxew sew fit-tneħħija jew l-eliminazzjoni tal-marda. Il-pasturizzazzjoni tal-ħalib ta' annimali infettati għal temperatura suffiċjenti biex jinqatlu l-batteri waqqfet it-tixrid tal-marda fil-bnedmin.

It-tilqim huwa pprattikat fil-mediċina umana, imma mhux użu mifrux bħala miżura preventiva fl-annimali.